Jitħabbar programm ta’ tindif f’diversi housing estates f’Malta minħabba ċ-ċirkostanzi tal-COVID-19
Dalgħodu tħabbar programm ta’ tindif tal-komun f’diversi housing estates madwar Malta, din hija miżura oħra marbuta maċ-ċirkostanzi tal-covid-19 li minna se jibbenefikaw diversi familji li jogħodu f’400 blokka.
Minn dalgħodu stess beda t-tindif f’uħud minn dawn il-housing estates. Din il-miżura qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Akommodazzjoni Soċjali, is-Segretarjat Parlamentari għall-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u kumpanija privata li qed toffri s-servizz ta’ 100 ħaddiem għat-tindif mingħajr ħlas. Il-prodotti u l-kimika għat-tindif se jkunu qed jinxtraw mill-investimenti minn dan il-programm.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OZO Group, il-kumpanija li qed toffri s-servizzi b’xejn, qed tagħmel dan bħala ringrazzjament lill-Gvern tal-għajnuna finanzjarja ta’ €800 fix-xahar li qed jagħti lill-ħaddiema. Għalhekk, minflok il-ħaddiema qed jibqgħu d-dar, se jkunu qed jagħti servizz lura lill-komunità.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal illi din hija miżura biex isserraħ moħħ id-diversi familji, ħafna minnhom anzjani li jgħixu f’dawn il-housing estates. Il-Ministru kompla jgħid li l-400 blokka se jkunu qed jitnaddfu kull xahar sakemm tgħaddi din il-pandemija.
Is-Segretarju Parlamentari, Alex Muscat, saħaq illi l-programm ta’ ċittadinanza qed ikompli jagħti lura lill-komunità Maltija b’mod speċjali f’dan il-perjodu li qed joffri sfida lill-Malta u l-bqija tad-dinja. Huwa stmat li l-ispiża tleħħaq ftit eluf ta’ ewro.