Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qed jieħu l-ordnijiet tax-xirjiet li qed ibigħ il-Partit Nazzjonalista.
Fil-programm Pjazza, ġiet żvelata telefonata li saret fuq ordni ta’ xirja fejn propju Arrigo nnifsu kkonferma li fuq ix-xirja li qed ibigħ il-Partit Nazzjonalista hemm miżjuda ħmistax fil-mija oħra biex jaqla’ l-flus il-partit f’tal-Pietà.”
Robert Arrigo kien pront talab għall-isem biex ibigħ xirja u anki ddentifika ruħu.
Fil-lista tax-xirja tal-Partit Nazzjonalista li anki kiseb ONE News, f’xirja ta’ ħamsa u sebgħin ewro hemm offruti fost l-oħrajn bott kafè, nofs tużżana bajd, kunseva, laned tat-tonn taż-żejt u ħobża mqatta’.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali sostnew kif ma niżlitilhom xejn tajjeb li l-Partit Nazzjonalista daħal fl-għalqa tal-ħwienet tal-merċa hekk kif il-partit qed jidher jinqeda mill-pandemija biex jaqla’ l-flus minn fuq dahar in-nies.
Is-sitwazzjoni finanzjarja mwergħa li qiegħed fiha l-Partit Nazzjonalista hi waħda magħrufa.
Robert Arrigo li baqa’ Viċi Kap wara li oriġinarjament kien qal li se jirriżenja fost il-ġlied u l-inkwiet intern bejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia u dik ta’ Simon Busuttil, huwa wkoll il-kaxxier tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li għal kariga ta’ teżorier, il-Partit Nazzjonalista ma sab lil ħadd hekk kif f’Settembru li għadda, irriżenja Antoine Zammit.
Zammit kien dam fil-kariga mill-Milied sa San Stiefnu għax irriżenja xahar biss wara li nħatar.
Zammit kien irriżenja wara li ONE News kixef kif kien tella’ filmati fuq youtube wara li l-kaxxa li tipprovdi xandir illegali ta’ eluf kbar ta’ stazzjonijiet waqfet turi l-films pornografiċi.