Mill-elfejn u ħamsa sal-lum, it-traffikanti tal-bnedmin bagħtu bid-dgħajjes lejn Malta, wieħed u għoxrin elf, tmien mija u tmienja u ħamsin persuna. Fl-istess perjodu, minn dawn, ħamest elef, mija u sebgħa u għoxrin persuna ġew rilokati minn Malta lejn pajjiżi oħra.
B’kollox, pajjiżi fl-Unjoni Ewropea ħadu ftit aktar minn elf u seba’ mitt immigranti, filwaqt li l-Amerka waħedha ħadet aktar minn tlett elef u tliet mija. Kważi d-doppju ta’ kemm ħadet l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo, qal li l-aktar pajjiżi li għen lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea huma Franza u l-Ġermanja, flimkien mal-Irlanda, il-Portugall, Spanja u l-Lussemburgu.
Madanakollu nnota li l-Amerka, speċjalment taħt l-amministrazzjoni ta’ Barak Obama kienet ta’ spalla akbar għal pajjiżna.
“Nixtiequ ngħinu, aħna magħrufin bħala nies qalbna tajba imma nifhmu wkoll li meta għandek dawk l-eluf jaslu, huwa ġust ukoll li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea – il-kelma unjoni tfisser li inti magħqud, ifisser li tagħmel l-affarijiet flimkien – jieħdu wkoll ir-responsabbiltà tagħhom u ma jħalluniex waħedna.”
Il-Ministru Bartolo tenna l-pożizzjoni ta’ pajjiż żgħir bħala Malta li jeħtieġ soluzzjonijiet mill-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.
“Tkellimt ma’ Kummissarji tal-Unjoni Ewropea – jgħidulna għandkom raġun, tkellimt ma’ uffiċjali għolja tal-Vatikan – jgħidulna għandkom raġun, tkellimt ma’ uffiċjali għolja tal-Ġnus Magħquda – jgħidulna għandkom raġun, m’għandhomx titħallew waħedna u naħseb li veru, m’għandniex nitħallew waħedna. Lesti nagħmlu l-parti tagħna imma m’għandniex nitħallew waħedna.”