Kien għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija tas-Sibt sbatax ta’ Marzu bħal-lum għaxar snin, li Benedeittu sittax, dak iż-żmien Papa, rifes għall-ewwel darba fuq l-art Maltija.
F’din iż-żjara ta’ erbgħa u għoxrin siegħa l-papa żar diversi postijiet reliġjużi fosthom il-Grotta ta’ San Pawl, fir-Rabat.
Kienet il-quddiesa fuq il-fosos tal-Furjana li ġibdet l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin sabiex minn kull rokna jsegwu l-konċelebrazzjoni solenni mmexxija mill-Papa.
F’dawn il-jiem il-Papa Benedittu qed jiċċelebra żewġ anniversarji oħra, it-tlieta u disgħin sena minn twelidu u l-ħmistax-il sena mindu ġie elett bħala s-suċċessur ta’ Pietru.
One News tkellem mal-Ambaxxatur Malti tas-Santa Sede għal Malta Frank Zammit li jaf mill-qrib lil Papa Emeritu.
“Niddeskrivih bħala l-aktar persuna intelletwali tas-seklu għoxrin. Huwa ġgant ukoll fl-umiltà u huwa persuna li jħobb ħafna. U meta dawn jidħlu f’xulxin b’lezzjoni waħda li tagħna meta ħass li ma kienx għadu b’saħħtu biżżejjed biex jigvrena l-knisja ddeċieta li jirrinunzja l-papat.”
Intant il-poplu Malti kien ħerqan għall-ewwel żjara appostolika tal-Papa Franġisku fi xtutna, iżda minħabba l-Coronavirus din kellha tiġi posposta.
Iżda l-Ambaxxatur Zammit spjega ma’ ONE News li fil-kuriduri tal-Vatikan għad hemm stennija kbira għal din iż-żjara.
“Ħafna mill-affarijiet sar, l-advance party tal-Vatikan ġew għal darba darbtejn jaraw il-pajjiż. Inħalli l-aħbar fidejn l-Arċisqof u l-President pero jien li nista’ ngħid li f’din il-ġimgħa kont f’telefonata fuq xi xogħol ta’ bejn il-Gvern Malti u l-vatikan u wieħed mill-prelati għolja tal-Vatikan qalli li ma nesewiex iż-żjara tal-papa iġifieri qiegħda f’moħħhom u meta l-affarijiet jirritornaw lura għan-normal isseħħ.”