Il-Kommunità tal-Fgura tinsab imniekta bil-mewt ta’ Nazzaren Farrugia jew kif inhu magħruf Zaren is-Superjur, li miet fl-età ta’ 77 sena. Huwa miet fl-ewwel Erbgħa tal-Madonna tal-Karmnu, il-padruna għal qalb Nazzaren.
Zaren kien soċju tal-MUSEUM għal sittin sena, fejn għal 36 sena sħaħ huwa kien is-superjur tal-MUSEUM tal-Fgura u huwa ħadem qatiegħ sabiex inbena MUSEUM ġdid għat-tfal Fgurin. Lil Zaren, kif kien magħruf ma’ kulħadd ma kontx issibu fil-MUSEUM biss, iżda kif jagħti sehmu fil-Knisja Parrokkjali billi janima l-quddies u f’dak li kien ikollha bżonn din il-knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu u kien jgħin ukoll fil-librerija tal-lokalità.
Fl-2002, Zaren kien rebaħ l-ewwel premju ta’ Ġieh il-Fgura għal-kontribut kbir li għamel f’din il-lokalità. Huwa ma kienx biss għalliem, iżda tista’ tgħid li kien ħabib ta’ kulħadd, hekk kif kien jgħin lil kulħadd.
F’postijiet prominenti madwar il-Fgura twaħħal banner sabiex ifakkar il-memorja ta’ din l-ikona ta’ din il-lokalità. Bosta fuq il-midja soċjali kienu mniekta bl-aħbar tal-mewt ta’ Nazzaren u bdew jappellaw sabiex il-memorja tiegħu tibqa’ mmarkata għal dejjem. Il-Ħamis, il-Kunsill Lokali tal-Fgura qabel li jsir bust b’ġieh Zaren f’post prominenti fil-lokal. Filwaqt li l-klabb tal-lokal, Fgura United ħabbar li wara li tgħaddi l-imxija tal-Coronavirus ħa jsir festival ta’ futbol b’risq dan il-bniedem li tista’ tgħid li ta ħajtu lil din il-lokalità.