Il-pulizija arrestat mara ta’ 55 sena u raġel ta’ 57 sena, it-tnejn minn Tal-Pieta’ b’rabta ma’ bejgħ ta’ sigaretti tal-kuntrabandu fil-Ħamrun.
Il-mara u r-raġel ġew arrestati l-Ħamis għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar meta l-Pulizija kienet għaddejja waqt ronda fi Triq Patri Magri, il-Ħamrun. Il-pulizija nnutat karozza tat-tip Peugeot li kienet qed tagħti u trodd xi flus. Din l-attività qajmet suspett minħabba li l-pulizija kienu rċievew informazzjoni li f’dawk l-akwati kien hemm persuna li bdiet tagħmel xi attività llegali.
Minnufih il-pulizija avviċinaw din il-karozza u saret tfittxija. Waqt it-tfittxija fuq wara tal-karozza nstabu numru ta’ grossos tas-sigaretti ta’ bla dażju u xi flus. Waqt it-tfittxija mar raġel li ried jieħu xi flus mill-vettura u huwa wkoll inżamm mill-pulizija għall-aktar investigazzjonijiet.
Il-pulizija kellhom informazzjoni li dawn iż-żewġ persuni allegatament kienu qed iżommu ammont ta’ sigaretti oħra f’xi post ieħor. Dan wassal biex il-pulizija għamlu kuntatt mal-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea u l-Uffiċjali tad-Dwana sabiex flimkien isiru xi tfittxijiet f’diversi propjetajiet oħra ta’ dawn iż-żewġ suspettati.
It-tfittxijiet saru fuq ordni tal-Maġistrat tal-Għassa, filwaqt li l-investigazzjonijiet għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun.