Il-Bank of Valletta jinforma lill-klijenti tiegħu u lill-pubbliku li b’effett mit-Tnejn 20 ta’ April se jingħalqu b’mod temporanju ħames fergħat tal-Bank.
Fi stqarrija, il-Bank of Valletta qal li qiegħed jagħlaq temporanjament numru ta’ fergħat biex inaqqas il-kuntatt dirett. Il-fergħat li qed jingħalqu temporanjament huma dawk li jinsabu f’Birżebbuġa, il-Ħamrun, Ħal Luqa, Tas-Sliema u l-Mellieħa. Sadanittant, 28 fergħa u aġenzija tal-Bank se jibqgħu miftuħin għall-pubbliku madwar Malta u Għawdex.
L-ATMs u l-faċilitajiet tan-Nightsafe Deposits li jinsabu mal-fergħat magħluqa se jibqgħu joperaw b’mod normali.
Il-klijenti huma ġentilment imfakkra li ġbid u depożiti ta’ flus u ċekkijiet jistgħu jsiru permezz tal-ATMs, filwaqt li pagamenti jistgħu jsiru permezz tal-BOV Cards, BOV Pay jew BOV Mobile to Mobile Payments. Barra minnhekk, il-BOV Internet Banking u l-BOV Mobile jistgħu jintużaw għal pagamenti u ħtiġijiet bankarji oħra.
Għall-ħtiġijiet bankarji oħra, l-klijenti jistgħu jinqdew ukoll permezz tal-email u telefonati.
Riċentement, il-Bank of Valletta introduċa inizjattivi biex jiżgura li l-anzjani u l-persuni vulnerabbli jkunu jistgħu jkomplu jaqdu l-bonnijiet bankarji tagħhom mid-dar, permezz tal-assistenza ta’ persuni ta’ fiduċja.
Il-Bank of Valletta jifhem li dawn il-miżuri jistgħu jikkawżaw ċertu inkonvenjent lil uħud mill-klijenti tiegħu. Madankollu, fid-dawl tas-serjetà tal-pandemija attwali, il-Bank jemmen bis-sħiħ li dawn il-miżuri huma meħtieġa għall-ġid tal-komunità kollha.