B’referenza għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-proġett imħabbar tal-immaniġġjar tal-iskart, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jikkonferma kemm illum huwa iżolat fil-kritika tiegħu u moħħu biss biex jilghab il-logħob politiku għax m’għandu l-ebda forma ta’ pjan għas-settur.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li kif kien fl-aħħar snin, il-PN huwa għal darboħra kontra l-pariri tal-esperti, kontra l-investiment f’qasam kruċjali għall-futur tal-pajjiż bħal m’huwa dak tal-immaniġġjar tal-iskart u l-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-istess skart u għaldaqstant favur li kollox jibqa’ l-istess mingħajr ma hu qed jinduna li l-affarijiet xorta waħda ma jistgħux jibqgħu l-istess. Għalhekk huwa tant meħtieġ il-pjan li nieda l-Gvern.
Il-Gvern, f’dan il-każ, mhux biss ħa azzjoni, iżda għamel dan wara li sema’ t-tħassib tan-nies fosthom il-bdiewa taż-żona u filfatt se jkun qed jieħu 70% inqas raba’ minn dak maħsub oriġinarjament.
Huwa dnub li f’dan l-ewwel test li kellu quddiemu il-PN falla milli jħares lejn il-pożittiv ta’ din l-aħbar. Dak li qed jitlob l-Onor. Edwin Vassallo ma jħarisx fit-tul, u li kieku kellu jsir iwassal biss biex tittieħed medda ferm ikbar ta’ art għax ma jkun fadal l-ebda alternattiva oħra minn hekk.
Għalxejn il-PN għamel bidla fix-shadow cabinet għax reġa’ wera li għandu nuqqas ta’ viżjoni f’kull settur li jolqot il-futur ta’ pajjiżna.