Żewġt irġiel ġew arrestati wara li allegatament serqu impjegat li waslilhom l-ikel.
Raġel ta’ 53 sena, residenti Bormla, qed jinżamm arrestat b’rabta mat-tliet hold-ups li twettqu fuq persuni li waslu l-ikel f’Ħaż-Żabbar, fl-Isla u f’San Ġwann.
F’dawn it-tlett serqiet, żewġt irġiel avviċinaw lil persuni eżatt wara li waslu l-ikel fi djar u heddewhom b’sikkina u serqu ammont ta’ flus kontanti.
Aktar kmieni matul il-ġurnata l-pulizija arrestat raġel ta’ 30 sena minn Bormla li ġie arrestat b’rabta ma’ serqa li seħħet it-Tlieta fid-disgħa u nofs ta’ filgħaxija.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li xħin il-ħaddiem mar bl-ordni li kellu tal-ikel f’residenza privata, il-persuna li fetħitlu qalet li ma kinux ordnaw ikel. Għaldaqstant, il-vittma għamel kuntatt mal-persuna li għamlet l-ordni, li qaltlu biex jiltaqgħu f’parkeġġ fi Triq San Pawl.
Il-vittma mar fuq il-post u ftit wara avviċinah raġel illi allegatament ħareġ sikkina u talbu l-flus li kellu fuqu. Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ta’ 30 sena qed jiġi suspettat li wettaq din is-serqa f’Bormla.
Il-Pulizija elevat diversi oġġetti li nsterqu fis-serqa tal-lejl bejn it-Tlieta u l-Erbgħa u minn tfittxija li saret fid-dar tal-allegat aggressur u anke oġġetti oħra li x’aktarx huma wkoll misruqa mill-każijiet l-oħra msemmija.
Huwa qed jiġi investigat ukoll mill-Pulizija b’rabta ma’ tliet serqiet simili li seħħew ukoll fl-aħħar ħamest ijiem fuq persuni li jwasslu l-ikel f’Ħaż-Żabbar, fl-Isla u f’San Ġwann.
L-Ispettur Fabian Fleri mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti appella lill-ħwienet kollha, kemm jekk huma dawk tal-ikel, kif ukoll oħrajn li joffru servizz ta’ twassil tal-ikel fid-djar, sabiex jaċċettaw ħlas minn qabel, meta ssir l-ordni.
Dan sabiex min iwassal l-affarijiet fid-djar ma jġorrx fuqu flus kontanti u b’hekk ikun qed inaqqas il-periklu fuqu u jkun fil-mira tal-ħallellin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn l-erba’ każijiet għadhom għaddejjin.