“Kien ikun aħjar kieku l-unjin tal-bdoti, l-ewwel poġġiet madwar il-mejda mal-Air Malta sabiex tiddiskuti l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-pandemija fuq il-linja tal-ajru”.
Hekk saħqet l-Air Malta li fi stqarrija saħqet li l-ALPA ripetutament ċaħdet offerti mil-linja tal-ajru biex tilħaq ftehim, li kien jkun sostenibbli u li kien jissalvagwardja l-impjieg tal-membri tagħha.
L-Airmalta kkundannat l-attentat ta’ turija ta’ forza tal-ALPA li fittxet li twieżen lill-kumpanija biex tħallas lill-bdoti iktar minn impjegati oħra fi żmien fejn id-dħul kważi naqas għal kollox.
L-Airmalta innutat kif huwa ironiku li l-ALPA qed tagħmel paraguni ma’ piloti impjegati ma’ linji tal-ajru Ewropej oħra meta fil-passat l-unjin ċaħdet dawn il-paraguni meta l-Airmalta kienet ipproponiet kundizzjonijiet simili li kienu aktar jaqblu man-normi tal-industrija.
“Il-bdoti m’għandhomx iħossuhom intitolati li jitħallsu aktar minn impjegati oħra, f’sitwazzjoni fejn il-membri tagħha jkunu d-dar mingħajr xejn xogħol u l-kumpanija qed tiffaċċja tbatija ekonomika”, saħqet l-Air Malta li qed titlob li l-piż jinġarr minn kulħadd bl-istess mod.
L-Air Malta qalet li l-interess primarju tagħha huwa li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul u li l-operat tal-kumpanija ma jiġix kompromess.
L-istqarrija temmet tgħid li filwaqt li fi żminijiet bħal dawn huma meħtieġa miżuri fit-tul biex jipproteġu l-linja tal-ajru u s-sostenibbiltà tagħha, l-Airmalta hija responsabbli biex tissalvagwardja l-impjegati kollha tagħha u għalhekk ma’ tistax tippreferi taqsima waħda minn oħra.
L-Air Malta offriet pakkett soċjali fejn il-ħaddiema li qed jibqgħu d-dar, jirċievu paga ta’ €1,200 fix-xahar.
Kienu l-inġiniera li qablu fuq dan il-pakkett filwaqt li wara li rrifjutaw it-talba għall-erba’ darbiet, il-membri tal-unjin tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ tħallew jivvutaw u dawn fil-biċċa l-kbira tagħhom ivvutaw favur dan il-pakkett soċjali.
Min-naħa l-oħra, il-unjin tal-bdoti ma weġbitx fuq l-offerta tal-Air Malta.