Ħarġet sejħa għall-offerti bil-għan li l-Korp tal-Pulizija jkun mgħammar bil-bodycams.
Dawn il-bodycams ser jintlibsu minn kull membru tal-korp li ser ikollu kuntatt mal-pubbliku.
L-ispettur David Bugeja tenna li dawn il-bodycams filwaqt li ser ikunu mezz ta’ trasparenza, ser jipproteġu kemm lill-korp kif ukoll lill-pubbliku permezz tal-evidenza ċara li ser joffri dan l-apparat.
Huwa spjega: “Kull darba li għandek pulizija miexi fit-triq u jiltaqa’ ma’ biċċa tax-xogħol, għajnejh issa ħa jkunu wkoll fil-bodycam għax once li bdiet tirrekordja kull biċċa mill-filmat ħa tinżamm ġo fiha u din iġġib trasparenza u tgħin f’ġiex modi kemm min-naħa tal-pubbliku għax inti għandek aktar trasparenza allura żżid il-kunfidenza fil-korp tal-pulizija għax issa mhux ħa tibqa’ iktar x’qal imma x’qed nara, x’hemm available u kemm minn studji li saru barra minn Malta wkoll urew li tnaqqsu l-allegazzjonijiet fil-konfronti tal-pulizija.”
L-ispettur Bugeja spjega kif dawn il-bodycams għandhom il-funzjoni li jaqbżu lura fil-ħin sa kważi żewġ minuti minn meta l-pulizija jagħfas il-buttuna biex jirrekordja.
Huwa sostna: “Once li pulizija jirrapporta għax-xogħol din tintlibes x’imkien fuq l-uniformi u tkun dejjem attiva. Issa meta ngħidu li tkun dejjem attiva ma jfissirx li tkun qed tirrekordja iżda tkun kapaċi jekk ikun hemm istanza taqbeż lura fil-ħin. Jiġifieri jekk jiena dort wara l-kantuniera, għalkemm il-bodycam ma tkunx qed tirrekordja, jekk is-serqa saret eżatt xħin dort wara l-kantuniera, xħin nagħfas il-buttuna biex imbagħad effettivament nibda nirrekordja il-bodycam tkun tista’ taqbeż ammont ta’ ħin lura sabiex inkunu qbadna dawk il-ġiex minuti fejn għadna ma dorniex il-kantuniera.”
Bugeja saħaq li l-bodycams ser ikunu essenzjali fil-qrati Maltin b’mod speċjali f’każijiet ta’ vjolenza domestika u vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi hekk kif issa ser ikun hemm par għajnejn oħra.
Huwa kompla jispjega: “Tkun dieħel, ikun hemm arma, ma tajtx kasha dak il-ħin imma l-bodycam ħa tkun qabditha allura ċertu evidenza tibqa’ storejata fiha u apparti minn hekk iġġib ukoll ċertu reactions tal-persuna; kif kienet qed tħossha dak il-ħin u dal-affarijiet li meta tgħidhom bil-fomm, meta tkun qed tirrakkontahom wara ċertu żmien ma joħorġux daqshekk daqs meta kont fil-post l-ewwel darba u rajthom iseħħu quddiemek.”
Intant mal-gazzetta Kullħadd, il-Ministru għall-Intern Byron Camillleri saħaq li dan il-proġett ser jagħti serħan il-moħħ lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li huma t-tarka f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Dan il-proġett mistenni jkun implimentat fit-totalità tiegħu bejn l-aħħar kwart ta’ din is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla.