Il-Pulizija qed tinvestiga serqa li seħħet matul il-lejl li għadda fuq raġel ta’ 28 sena mill-Pakistan wara li wassal ordni ta’ ikel f’dar f’San Ġwann.
Is-serqa seħħet għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ filgħodu fi Triq it-Tfief, San Ġwann. Il-vittma rrapporta li ġie misruq fl-għassa ta’ San Ġwann.
Huwa stqarr li kif kien se jsuq il-mutur biex jitlaq minn fuq il-post wara li wassal ordni li kellu tal-ikel f’dar, waqfu quddiemu żewġt irġiel u konsegwenza t’hekk waqa’ minn fuq il-mutur.
F’dan il-mument, allegatament, iż-żewġ ħallelin ħarġu arma li taqta’ u bil-ponta u talbuh il-flus li kellu fuqu.
Il-ħallelin minnufih ħarbu minn fuq il-post bil-flus kontanti.
Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.