Illum il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru Christopher Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi u l-periti ta’ din l-aġenzija, żaru l-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija hekk kif Infrastructure Malta qed tintensifika x-xogħlijiet sabiex dan il-proġett jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan il-proġett jinkludi żewġ mini li jgħaddu minn taħt ir-roundabout ta’ Santa Lucija biex b’hekk tinħoloq konnessjoni diretta bejn Vjal Santa Luċija (it-telgħa tal-Addolorata) u t-Triq tal-Barrani. Fuq dawn il-mini, ir-roundabout eżistenti ser terġa’ tinbena b’disinn ġdid li jiffaċilita aċċess aħjar u aktar sikur għar-residenti ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Il-proġett jinkludi wkoll disinn u bini ġdid tat-trakka tal-jogging li hemm viċin, it-titjib tal-pedestrian subways sabiex tkun aktar aċċessibbli għaċ-ċiklisti u għall-persuni b’diżabilità, kif ukoll passaġġ għaċ-ċiklisti u għal min jimxi li jgħaqqad lil Santa Luċija mal-Marsa.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-proġetti bħal dak li qed iżuru llum, dak tal-mini ta’ Santa Luċija, juru l-impenn qawwi li l-Gvern għandu għas-settur tal-infrastruttura. “Il-Gvern qed jiġri ’l quddiem u jwettaq dak li ħafna ħasbu li kien forsi pjan ambizzjuz iżżejjed. Illum, meta l-proġetti l-maġġuri qed isiru realtà, kulħadd qed jifhem li meta jkollok pjan ċar, tasal biex tagħmel il-proġetti ta’ portata kbira”, sostna Dr Abela.
Dr Abela rringrazzja lil ħaddiema kollha li qed jaħdmu u jagħtu l-almu kollu tagħhom f’dan il-proġett u anke fil-proġetti kollha l-oħra fiz-żmien straordinarju li għaddejjin minnu. Il-Prim Ministru temm jgħid li dawn il-proġetti qed isiru sabiex inkomplu nlestu lil Malta għall-futur u sabiex dejjem innaqqsu l-iskariġġi kemm fuq is-sewwieqa, in-nies li jimxu fit-toroq u r-residenti tal-madwar.
“Dan huwa proġett li huwa importanti daqs dak tal-Marsa Junction hekk kif mhux biss ser ikompli jibni fuq il-proġett tal-Marsa sabiex l-eluf ta’ persuni li joqogħdu jew jaħdmu fin-nofsinhar ta’ Malta jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’inqas dewmien u għalhekk b’aktar serenità, imma għaliex hawnhekk ukoll rajna kif nimmassimizzaw il-benefiċċji li ser joħorġu mill-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija.
Rajna l-bżonnijiet tar-residenti tal-inħawi u għalhekk tejjibna l-aċċessi għal min jimxi, juża r-rota u għal persuni b’diżabilità filwaqt li ser intejbu anke spazju miftuħ, dik tat-trakka tal-jogging li hawn fl-inħawi ta’ Santa Luċija,” qal il-Ministru Ian Borg.
“Ta’ min ifakkar li fid-dawl tal-Covid-19, Infrastructure Malta rat kif filwaqt li tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa għall-ħaddiema tagħha u tal-kuntratturi, qed tieħu l-opportunità biex tħaffef ix-xogħlijiet speċjalment f’żoni li jirrikjedu devjazzjonijiet, waqt li hawn inqas nies fuq it-toroq tagħna.
L-aġenzija kompliet b’bosta xogħlijiet f’diversi inħawi bħall-Marsa-Ħamrun Bypass, is-Central Link Project, il-Marsa Junction Project u fit-toroq residenzjali, fost oħrajn, u għalhekk filwaqt li nirringrazzja lill-ħaddiema, inħares ’il quddiem għall-kontinwazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet sabiex x’ħin jerġa’ jiġi kollox lura għan-normal, ir-residenti ta’ pajjiżna jsibu infrastruttura tal-ogħla kwalità, hekk kif jixraq lil pajjiżna”, tenna l-Ministru Ian Borg.