Raġel ta’ 39 sena residenti r-Rabat Għawdex inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li qabbad garaxx u kkawża biża fuq mara Għawdxija.
Il-każ seħħ nhar is-Sibt 11 ta’ April għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart fi Triq Patri Anton Debono fir-Rabat Għawdex.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Bridget Sultana ħareġ kif l-akkużat ikkawża ħsara u nar f’garaxx.
One.com.mt jinsab infurmat ukoll li fil-ħin tal-inċident instema’ ħoss ta’ splużjoni fejn kellhom jiġu evakwati diversi residenti tal-madwar, hekk kif diversi residenzi mtlew kollha duħħan. Fuq il-post issejħet ambulanza u l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ma ngħatax ilħelsien mill-arrest u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.