Il-Pulizija arrestat mara ta’ 44 sena li allegatament kienet involuta f’din is-serqa.
Fil-jiem illi għaddew, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema komplew bl-investigazzjonijiet intensivi b’rabta mas-serqa li saret fuq anzjana fir-residenza tagħha fl-Imsida, nhar is-7 ta’ April, 2020.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ wasslu għal żviluppi ġodda, u ġew solvuti erba’ każijiet oħra ta’ serqiet simili.
Żewġ serqiet f’Birkirkara: waħda fuq anzjana ta’ 81 sena u oħra fuq anzjana ta’ 92 sena; serqa f’Santa Venera fuq anzjan ta’ 77 sena; u serqa oħra fl-Imsida fuq anzjana ta’ 82 sena.
Allegatament dawn l-erba’ serqiet twettqu mill-istess żewg persuni.
Mill-istħarriġ illi sar mill-Pulizija rriżulta li fil-każijiet kollha, iż-żewġ persuni arrestati allegatament ħabtu fuq ir-residenzi tal-anzjani jgħidulhom li huma impjegati ma’ aġenziji li joffru servizzi lill-anzjani.
Waqt li allegatament waħda tibqa’ titkellem mal-anzjani, allegatament il-persuna l-oħra twettaq is-serqa.
Illum, iż-żewg nisa, fil-għaxra u nofs ta’ filgħodu, se jkunu qed jitressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Neville Camilleri LL.D akkużati bis-serqiet li saru f’Birkirkara, Santa Venera u fl-Imsida.
Il-mara ta’ 44 sena se tkun akkużata wkoll bis-serqa fuq l-anzjana ta’ 79 sena fl-Imsida.
L-appell tal-Pulizija lill-persuni vulnerabbli, huwa biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafu li se jmur għandhom.
Jekk ikollhom suspett, iċemplu mill-ewwel lill-Pulizija fuq in-numru 112.