Malta qed jirnexxilha tikkontrolla l-impatt fuq l-impjiegi kawża tal-pandemija Covid-19.
Qalet dan il-gazzetta Kullħadd fil-faċċata tagħha l-Ħadd filgħodu hekk kif ippubblikat statistika dwar kif intlaqtu l-impjiegi f’pajjiżi ewlenin madwar id-dinja.
Din uriet kif meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra l-impjiegi f’Malta kienu fost l-inqas milquta minn madwar id-dinja.
Filfatt il-Ministru Michael Falzon kien ħabbar li 279 persuna applikaw u ngħataw il-benefiċċju addizzjonali għall-qgħad, li ġie introdott minħabba l-COVID-19. Dan ifisser li l-ammont ta’ persuni jirregistraw issa tela’ għal madwar 2,000 persuna.
Dan jibqa’ jitqabbel tajjeb mal-2010 taħt amministrazzjonijiet preċedenti fejn kien hemm mas-7,900 persuna jirreġistraw.
Il-gazzetta nnutat li fl-Irlanda issa hemm aktar minn 280,000 li qed jieħdu benefiċċju tal-qgħad li tfassal għal min tilef xogħlu riżultat tal-COVID-19.
Fi Spanja kien hemm żieda ta’ aktar minn 10%. Dan meta fi Frar diġà kien hemm żieda ta’ 9%, li jfisser li qgħad fi Spanja sploda bi kważi 20% f’xahrejn.
Il-Kullħadd żiedet tinnota wkoll li s’issa jidher li r-Renju Unit ħa l-agħar tisbita fejn jidħol il-qgħad. Minkejja li l-Gvern Ingliż ħabbar programm fiskali favur il-protezzjoni tal-pagi, li ħafna f’pajjiżna riedu lill-Gvern Malti jikkopja, ir-Renju unit xorta spiċċa bi kważi miljun persuna jitolbu l-benefiċċji soċjali. Dan l-ammont hu ħdax-il darba akbar minn dak li sofra r-Renju Unit fil-kriżi ekonomika tal-2008.
Fi ftit ġimgħat fl-Istati Uniti madwar 18-il miljun talbu għall-benefiċċju tal-qgħad. Filwaqt li fl-Awstralja wkoll kien hemm madwar miljun talba.
L-aktar pajjiż li jersaq qrib is-suċċess ta’ Malta fil-protezzjoni tal-impjiegi hu l-Ġermanja, li kien ukoll il-pajjiż bl-akbar pakkett fiskali u ta’ garanziji ta’ likwidità offruti fid-dinja.
In-numru ta’ Ġermaniżi jitolbu l-benefiċċju tal-qgħad żdied b’1,000 persuna biss.
Pajjiżi bħas-Slovenja u l-Estonja wkoll jidhru li s’issa ma kellhomx effetti kbar tant li rreġistraw biss żidiet ta’ ftit eluf.