L-għalliema fl-iskejjel kollha tal-pajjiż ingħataw struzzjonijiet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex joffru tagħlim online sal-aħħar tas-sena skolastika hekk kif l-iskejjel se jibqgħu magħluqin minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Literiżmu Diġitali fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Grazio Grixti, saħaq li din mhix vaganza għall-għalliema, u t-tagħlim irid jibqa’ għaddej fl-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti.
Qal li ħafna għalliema diġà qed jużaw l-għodod teknoloġiċi, iżda dawk li jsibu diffikultà għandhom jagħmlu kuntatt mal-Ministeru biex jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
Is-Sur Grixti spjega: “Aħna mhux qed nistennew li l-ġurnata tal-iskola tingħata sħiħa jew is-suġġetti li kellhom ikunu covered isiru sħaħ però jistgħu jiġu identifikati l-iktar punti ewlenin tas-sillabu u jiġu mgħoddija lill-istudenti.”
Qal li filwaqt li r-reviżjoni ta’ dak li diġà sar u t-tagħlim permezz tal-logħob huma importanti, daqstant ieħor huwa kruċjali li t-tagħlim isir daqslikieku qed jingħata fuq il-bank tal-iskola.
Is-Sur Grixti sostna: “It-tfal jieħdu gost bil-games u bil-logħob u crafts u b’attivitajiet imma idealment tibagħtilhom xi forma ta’ spjegazzjoni dwar is-suġġett li se tgħallimhom imbagħad tibagħtilhom eżerċizzji biex jipprattikaw dak li tgħallmu, jibgħatulek ix-xogħol lura, tagħtihom xi forma ta’ feedback u huma jkunu jafu jekk tgħallmux jew le.”
Is-Sur Grixti saħaq li qed ngħixu fi żmien straordinarju u l-għalliema ġew affaċċjati b’sitwazzjoni li riedu jadattaw mil-lum għal għada.
Huma kompla jispjega: “Hawn ġenituri li jafu jmexxu u jgħinu lil uliedhom, hawn ġenituri li jsibuha aktar diffiċli. Nafu li l-istudenti jridu min isus fuqhom biex jagħmlu x-xogħol. Kultant l-għalliema jsibuha diffiċli biex jiġbru x-xogħol tat-tfal anki face to face fil-klassi aħseb u ara onlajn u rridu nsibu bilanċ biex nieħdu ħsieb kemm is-saħħa u l-professjonalità tal-għalliema, fl-istess ħin nieħdu ħsieb lill-istudenti u l-ġenituri tagħhom ukoll.”