Il-Ministri Evarist Bartolo u Byron Camilleri kellhom laqgħat mal-Ambaxxaturi għal-Libja, il-Ġermanja u l-Italja wara li lbieraħ l-Gvern ddikjara li Malta mhux se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti.
Mal-Ambaxxatur Libjan ġiet diskussa s-sitwazzjoni instabbli fil-pajjiż li mhux biss qed timmina l-ġlieda kontra l-Coronavirus iżda waslet biex infetħu xi ċentri tal-immigranti bit-traffikanti tal-bnedmin lesti biex jisfruttawhom.
Fi stqarrija kien spjegat li dan hu theddida għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa u li l-għeluq tal-portijiet Taljani u Maltin ma waqqafx aġenziji mhux governattivi joperaw fil-Mediterran u għalhekk jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin. Dan billi jinterċettaw immigranti barra l-ibħra Libjani.
Il-Ministri Bartolo u Camilleri tkellmu wkoll mal-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta wara li l-bastiment Alan Kurdi, li jtajjar bandiera Ġermaniża, interċetta 150 immigrant li ħarbu mil-Libja. Dan il-bastiment la kellu garanzija ta’ port fejn jidħol u lanqas riżorsi biżżejjed biex iħares saħħet l-immigranti.
Il-Ministri qalu li dan l-aġir jiffaċilita l-imigrazzjoni illegali.
F’diskussjoni mal-Kummissarju Ewropew għall-Intern Ylva Johansson, il-Ministru Byron Camilleri saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha fiċ-ċirkostanzi preżenti.
Temm jingħad li attwalment ir-riżorsi kollha tal-pajjiż qed jaħdmu qatigħ biex isalvaw il-ħajjiet fuq l-art, u żgur li ma jistgħux jiggarantixxu li jsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar.