Malta tirbaħ il-Kampjonat tal-Mediterran tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-ġerrejja li ffurmaw it-team Malti kienu Julian Farrugia, Rodney Gatt, Charles Camilleri u Tony Demanuele.
Il-kampjonat tal-Mediterran kien mifrux fuq diversi tapep li saru Malta, l-Italja u Franza u r-Russja. Din kienet it-tieni darba li team Malti rebaħ dan il-kampjonat.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius awgura lit-team Malti.
Fi stqarrija is-Segretarjat qal li sa mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, emmen f’dan l-isport u ra l-bżonn li t-trakka taż-żwiemel tkun privatizzata biex tiġi trasformata fi trakka ta’ livell internazzjonali u li tkun tista’ tilqa’ aktar tiġrijiet ta’ prestiġju.
“Dan jgħin lit-turiżmu sportiv u jservi ta’ esperjenza għall-ġerrejja Maltin. SportMalta temmen ukoll li dan l-isport ikollu bażi tajba, għalhekk ħolqot l-akkademja tal-ġerrejja taż-żwiemel li għandha l-għan li tintroduċi l-ħiliet bażiċi ta’ dan l-isport fost it-tfal u ż-żgħażagħ,” temm jgħid is-Segretarjat għall-Isport.