Tliet kumpaniji lokali għaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom sabiex jipproduċu visor protettiva għal dawk kollha li jixtiequ jipproteġu rwieħhom mill-mikrobi u jipprevenu t-tixrid tal-Coronavirus.
Fuq quddiem hemm il-ħaddiema tas-saħħa u l-forzi tal-ordni.
Robert Borg, Kevin Busuttil u Kenneth Caruana qalulna li riedu jaċċertaw li fis-suq lokali jkun hemm provista disponibbli għal visors ta’ dan it-tip, wara li osservaw li f’pajjiżi oħra dawn huma skarsi.
Is-Sur Borg spjega: “Il-minuta li tilbisha tħossok safe. Hija safe mhux biss għal min qed jitkellem imma safe ukoll għal min qiegħed fuq in-naħa l-oħra ħalli ma jiġix kontaminat bid-drops tal-Coronavirus.”
Din il-visor hija magħmula b’materjali li huma disponibbli lokalment, ħalli l-produzzjoni tibqa’ għaddejja.
Is-Sur Busutttil spjega l-produzzjoni ta’ din il-visor.
Huwa sostna: “Għandek it-tliet stripep li jiġu mmoudljati fuq dil-forma hawnhekk. Għandek il-biċċa ta’ wara, il-biċċa ta’ quddiem u din hi l-biċċa fejn iżomm il-visor. Kull darba li mould tinfetaħ u tingħalaq tipproduċi a full visor.”
Is-Sur Caruana spjega li mill-ewwel disinn tal-kunċett sal-ewwel visor għaddew biss erbat’ ijiem.
Minn dak iż-żmien sal-lum il-produzzjoni kibret għal madwar 16,000 visor kuljum.
Bl-aspettattiva tkun li f’domanda massima jkunu prodotti mal-170,000 visor fil-ġimgħa.
Is-Sur Caruana spjega: “Din disposable u tista’ tinħasel. Saru testijiet u tista’ tinħasel kemm-il darba so its reusable.”
It-tliet kumpaniji appellaw biex iżjed kumpaniji jersqu ‘l quddiem u jdawru partijiet mill-produzzjoni tagħhom sabiex jgħinu lill-awtoritajiet tas-saħħa jirbħu l-ġlieda kontra l-Coronavirus.