Kull ma jmur tul din l-imxija tal-Coronavirus qed ikun hemm persuni li għandhom il-virus iżda ma juru l-ebda sintomi.
Mistoqsija mill-ġurnalista ta’ ONE News waqt l-aħħar aġġornament li tat illum wara nofsinhar, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li dan huwa fenomenu li qed iħasseb lill-awtoritajiet tas-saħħa mhux biss ta’pajjiżna iżda anki ta’ pajjiżi oħra.
“Iva qed ikollna persuni li ma jiżviluppaw l-ebda sintomi iżda jirriżultaw fil-pożittiv għall-Coronavirus”, saħqet il-Professur Gauci.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika aċċennat li kien għalhekk li l-awtoritajiet Maltin daħlu ċertu miżuri fosthom dawk li n-nies iżommu d-distanza bejniethom sabiex jiġi evitat iżjed tixrid tal-COVID-19.