Jgħidu li ritratt kapaċi jgħid elf kelma.
F’ritratt li ttella’ fuq is-sit soċjali ta’ Facebook nistgħu naraw tliet infermiera fi ħdan it-taqsima tal-emerġenza Maltija bilqiegħda ħdejn xulxin fl-isptar Mater Dei.
Flimkien ma’ dan ir-ritratt kien hemm deskrizzjoni li tispira t-tama. Żgur mhux forsi dawn l-infermiera jaraw ħafna affarijiet quddiem għajnejhom. L-infermiera ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom mal-mard u sitwazzjonijiet diffiċli u issa aktar minn qatt qabel.
Mar-ritratt fuq is-sit soċjali, l-infermiera qalu li jekk jistgħu jġorru xi ħaġa waħda biss magħhom matul il-ġurnata għandha tkun it-tama. It-tama li ġranet isbaħ u aħjar ġejjin fil-futur qrib.
It-tama li ser tgħinna ngħaddu minn dan iż-żmien diffiċli u li ser jgħinna nissieltu kull ostaklu li nħabbtu wiċċna miegħu.
Kienu bil-bosta n-nies li rringrazzjaw dawn l-infermiera għal xogħolhom.