88% tal-istudenti fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, huma sodisfatti bis-sistema ta’ tagħlim online.
Qalet dan il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri li qed jieħu l-ITS sabiex jibqa’ għaddej bil-ħidma edukattiva tiegħu fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19.
Intqal ukoll kif wara evalwazzjoni li saret, kważi l-istudenti kollha qed isegwu l-lezzjonijiet li qed isiru b’mod virtwali.
“L-istħarriġ li kellna fost l-istudenti wera li kellna l-maġġoranza assoluta tal-istudenti huma kuntenti bl-appoġġ li qed isibu imma wkoll bil-mod ta’ kif qed jimxu dawn il-lezzjonijiet.” Stqarret il-Ministru Farrugia Portelli.
Fil-kummenti tagħha ma’ dan l-istazzjon Julia Farrugia Portelli kompliet tispjega kif l-ITS ma stenniex li tinqala’ l-pandemija tal-Covid-19 sabiex jimplimenta sistema ta’ lezzjonijiet online.
Il-Ministru sostniet,”Aħna kellna din il-pjattaforma minn sentejn ilu għaliex kellna wkoll ftehim ma pajjiżi barranin kif aħna nattiraw studenti barranin lejn pajjiżna u allura din aħna sibniha bħala xi ħaġa komda mingħajr sfidi żejda ta’ kif aħna nistgħu naġġornaw.”
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, is-Sur Pierre Fenech spjega kif l-eżamijiet tat-teorija li kellhom jsiru f’Ġunju se jkunu assessjati b’mod differenti. Dan filwaqt li s-sessjonijiet prattiċi se jsiru f’Settembru li ġej.
Is-Sur Fenech spjega wkoll kif l-istudenti kollha ħlief waħda li kienu qed jagħmlu l-prattika tagħhom barra mill-pajjiż ġew ripatrijati.