53 ħaddiem li jaħdmu ma’ kumpanija privata u li fl-aħħar jiem kienu fost il-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol minħabba l-Coronavirus se jingħaqdu f’ħidma volontarja fuq proġetti turistiċi apparti. Dan wara li ħassew li wara li se jirċievu l-iskema ta’ €800 għajnuna mill-Gvern għandhom jagħtu kontribut lura lill-pajjiż.
ll-ħaddiema ta’ Ozo Malta li qabel il-Coronavirus kienu jaħdmu fi rwoli differenti fit-turiżmu, se jkunu qed jgħinu f’xogħlijiet tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD) u mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Dawn l-istess ħaddiema offrew l-għajnuna tagħhom u se jkunu qed jaħdmu ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa b’mod volontarju.
Dan ħabbritu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijet f’Tas Sliema. Dawn il-ħaddiema se jkunu qed jagħmlu manutenzjoni f’żoni turistiċi f’diversi lokalitajiet fosthom fix-Xemxija, il-Mellieħa, Buġibba, il-Qawra, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Wied iż-Żurrieq, ir-Rabat, l-Imdina, il-Belt Valletta, Birżebbuġa, Marsaskala, diversi bajjiet, ġonna, parks, u l-promenades ta’ Tas-Sliema, l-Gżira, Tax-Xbiex, l-Imsida u l-Pietà.
Dawn il-ħaddiema se jingħataw it-taħriġ meħtieġ u se jkunu assenjati rwoli differenti skont il-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tagħhom.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li fiż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu bħalissa jeħtieġ li ndawru l-isfidi f’opportunitajiet. Hija sostniet li l-Ministeru għat-Turiżmu qed juża dan iż-żmien biex jittella’ kemm jista’ jkun xogħol issa ħalli hekk kif nerġgħu nsibu postna fil-ħajja normali, grazzi għat-tisbiħ li se jsir, ikollna titjib fl-infrastruttura turistika ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Farrugia Portelli rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-entitajiet involuti li b’tant bżulija qed jagħmlu xogħol imprezzabbli, kif ukoll il-ħaddiema ta’ din l-istess kumpanija li se jkunu qed jagħtu ġest sabiħ lil pajjiżna permezz ta’ din l-inizjattiva.
Il-Ministru spjegat kif din il-ħidma se tkun frott kollaborazzjoni bejn il-Gvern, is-settur privat u l-General Workers Union.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista tkellem fuq l-importanza tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni u l-FTZD speċjalment f’dawn iż-żminijiet. Huwa spjega li fil-mument hemm iktar minn 100 ħaddiem mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni assenjat mal-proġett ta’ fumigazzjoni relatat mas-sitwazzjoni ta’ Coronavirus, li sa issa naddfu ‘l fuq minn 54 lokalità. Għal din ir-raġuni l-għajnuna u s-sehem ta’ 53 ħaddiem ieħor mill-kumpanija OZO, li ser ikunu qegħdin jagħmlu xogħol ta’ upkeep u manutenzjoni ser jgħin sabiex ix-xogħol li kien pjanat qabel l-imxija tal-Coronavirus, isir skont kif kien pjanat.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union is-Sur Josef Bugeja stqarr kif il-prinċipju tal-union huwa dak li tippromwovi s-solidarjetà u l-bżulija. Il-GWU b’mod konkret taħdem mal-Gvern u ma’ min iħaddem biex il-ħaddiema jkunu produttivi. Huwa qal kif flimkien ħassu d-dover li jingħata servizz lura f’xogħol għal paga supplimentari li qed jirċievu meta s-settur tagħhom intlaqat drastikament ħażin fejn anki f’mument bħal dan qed jaħdmu biex jegħlbu din l-isfida.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Ozo Malta s-Sur Fabio Muscat qal kif ħassew il-bżonn li bħala kumpanija jassistu lis-socjetà bi kwalunkwe mod possibli. Huwa qal kif il-ħaddiema ħassew li għandhom jagħtu ftit mill-ħin tagħhom għal dan il-pajjiż li salvalhom ix-xogħol tagħhom. Is-Sur Muscat spjega kif l-assistenza mill-Gvern kienet strumentali biex il-kumpanija tagħhom bħal oħrajn ikunu kapaċi jġorru l-piż f’dawn iċ-ċirkustanzi hekk kif kienu affetwati b’mod drastiku minħabba l-Coronavirus.
Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Divizjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni s-Sur Ramon Deguara, id-Direttur tal-Iżvilupp tal-Prodott fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu s-Sur Kevin Fsadni u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru s-Sur Ronald Mizzi.