Malli ħarġet l-aħbar li għal ġid tas-saħħa pubblika u tal-immigranti kkonċernati, l-immigranti li jgħixu fiċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ser ikunu qed jagħmlu erbatax-il ġurnata kwarantina mandatorja, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, fuq l-istazzjon nazzjonali stqarr li l-Gvern kellu jferrex lil immigranti madwar il-pajjiż.
Fenech Adami qal, “Dan il-Gvern kellu u għad għandu jiena ngħid l-opportunitá oħra għal mod kif jifrex dawn in-nies.”
Iżda meta mistoqsi mill-ġurnalist, fejn kellhom jitpoġġew dawn l-immigranti, minn qalb it-tlaqliq, Beppe Fenech Adami ma setax ilissen tweġiba ċara.
“Fejn imma mela?” Staqsieh il-ġurnalist.
“Kieku kieku, ħu paċenzja, fejn bħalissa għadha, kemm fil-pajjiż.” Wieġeb Fenech Adami.
F’konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Partit Nazzjonalista li fiha kellhom jingħataw l-opportunitá l-ġurnalisti jsaqsu l-mistoqsijiet tagħhom permezz ta’ sistema teknoloġika, il-ġurnalist ta’ One News ukoll staqsa lil kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar fejn kellhom jitpoġġew dawn l-immigranti.
Hekk kif Delia baqa’ ma weġibx b’mod ċar għal din il-mistoqsija, il-ġurnalist ta’ One News prova jkompli jistaqsi dwar dan, madankollu Delia baqa’ jinjora l-mistoqsijiet. Dan filwaqt li kif jidher mill-filmati, min kien inkarigat mis-sistema teknoloġika baqa’ jipprova jsikket u jitfi l-mikrofonu.
“F’liema lokalità imma? Bqajt ma weġibtx din il-mistoqsija.” Staqsieh il-ġurnalist ta’ ONE News.
“Grazzi” Wieġeb Delia.
“Nicky Net” Iddevja l-kap Nazzjonalista.
ONE News prova jistaqsi mistoqsija oħra lejn l-aħħar tal-konferenza stampa, madankollu Delia anke hawn għażel li jaħrab mill-mistoqsijiet.
“Dr. Delia forsi intenzjonalment ma weġibtx l-ewwel mistoqsija. Għandi mistoqsija oħra forsi ma nafx jekk tistax tweġibha. … Jidher li le.” Qal il-ġurnalist ta’ ONE News li tħalla jitkellem waħdu.