B’effett immedjat, il-Bank of Valletta qed iżid il-limitu tal-ammont totali ta’ pagamenti li jistgħu isiru kuljum minn mobile għal mobile permezz tal-app BOV Mobile minn €500 għal €1,000.
Għadaqstant, il-klijenti issa jistgħu iħallsu sa €1,000 kuljum, sempliċiment billi jibagħtu pagamenti mill-mobile tagħhom lil persuni oħra li jinsabu fil-lista tal-kuntatti tagħhom fuq il-mobile u li għandhom is-servizz tal-BOV Mobile attivat.
Permezz tas-servizz ‘BOV Mobile to Mobile Payments’, wieħed m’għandux għalfejn juża flus kontanti u l-pagamenti jgħaddu b’mod immedjat, sigur u direttament fil-kont ta’ min qed jirċievi l-ħlas.
Il-klijenti li qed iħallsu, m’għandhomx bżonn ikunu jafu n-numru tal-kont tal-benefiċjarju, iżda sempliċiment in-numru tal-mobile. Ladarba l-pagament jiġi effettwat, sew min ikun qed iħallas kif ukoll min ikun qed jirċievi l-pagament, jirċievi notifika b’mod immedjat bid-dettalji tal-pagament.
Din hija miżura oħra li qed tiġi implimentata bil-għan li titrażżan l-imxija tal-COVID-19. Hija ta’ benefiċċju għas-sidien tal-ħwienet, klijenti u dawk kollha li qed iwasslu l-prodotti fid-djar tal-klijenti tagħhom. Il-BOV Mobile to Mobile huwa mezz ta’ pagament effiċjenti u veloċi, inaqqas il-ħin li wieħed idum f’kuntatt mal-oħrajn u b’hekk r-riskju ta’ kontaminazzjoni, filwaqt li l-bejjiegħa faċilment jistgħu jżommu rendikont tal-ħlasijiet kollha li jirċievu.
Iktar informazzjoni fuq ħlasijiet permezz tal-‘BOV Mobile to Mobile’ jinstabu fuq https://bov.com/content/bov-mobile-pay