45 Kowċ ġew ingaġġjati minn Sport Malta sabiex jibdew joffru taħriġ sportiv online. Dan hekk kif kull ġimgħa ser ikunu qed jittellgħu mal-35 filmat ġdid ta’ taħriġ sportiv għall-kulħadd u għal kull abbiltà sportiva. Dan sabiex in-nies minn darhom ikunu jistgħu iżommu attivi anke f’dan iż-żmien.
Il-kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar spjega li filmati ġodda ta’ taħriġ sportivi ser ikunu disponibbli kuljum fuq is-sit ta’ Sport Malta u fuq il-paġni ta’ Facebook tas-Segretarjat għall-isport u tal-Ministeru għall-edukazzjoni.
Huwa spjega li Sport Malta ser tkun qed tara li l-filmati preparati mill-kowċis ikunu ta’ livell qabel jittellgħu online.
“Qed issir evalwazzjoni tal-lezzjonijiet kollha li se jkunu qed jintbgħatu online sabiex imbgħad dawn jiġu uploaded għax l-intenzjoni tagħna hija mhux biss li nitfgħu video biex ngħidu tfajna video iżda jkollna wkoll video ta’ kwalitá.” Stqarr Mark Cutajar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-isports, Clifton Grima spjega li din minn dejjem kienet ħolma li ikun hemm servizz sportiv anke online, u għalhekk dan is-servizz ser ikun qed ikompli jingħata anke wara li s-sitwazzjoni tmur lura għan-normal.
Iċ-Ċermen ta’ Sport Malta, Luciano Busuttil spjega kif issa Sport Malta ser toffri l-opportunità li f’dan iż-żmien diffiċli fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna, il-Maltin u l-Għawdxin ser ikun jistgħu jibqgħu jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku fi djarhom.