Raġel li kien salvat mill-muntanji tal-Pirinej wara li pprova jimxi minn Franza lejn Spanja biex jixtri sigaretti għal prezz irħas, kien immultat €135 talli kiser kundizzjonijiet ta’ lockdown.
Is-servizzi lokali ta’ salvataġġ fil-muntanji qalu li r-raġel instab bla saħħa, iterter u mitluf meta eventwalment instab.
Minkejja l-esperjenza trawmatika li għadda minnha, ir-raġel xorta waħda kien immultat talli kiser il-kundizzjonijiet li bħalissa hemm imposti.
Ir-raġel beda l-vjaġġ tiegħu b’karozza iżda kien imwaqqaf mill-awtoritajiet mal-fruntiera. Ir-raġel ma qatax qalbu u kompla l-vjaġġ bil-mixi. Tul il-vjaġġ ir-raġel waqa’ fi xmara u ntilef.
Hu nstab fi ftit ħin u ttella’ b’ħelikopter u ttieħed f’faċilità tas-sigurtà.