L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi fi stqarrija qalet li ser tikkonsulta mal-awtoritajiet konċernati sabiex f’din is-sitwazzjoni tal-imxija ta’ Coronavirus, b’mod temporanju tnaqqas il-ħin ta’ xogħol fi-siti ta’ kostruzzjoni, partikolarment dawk ta’ skavar u twaqqigħ.
Dan hekk kif xogħol simili qed joħloq inkonvenjet lin-nies li qed ikunu fi djarhom minħabba l-istorbju.
Fl-istqarrija l-MDA qalet li m’għandha l-ebda diffikulta li tnaqqas il-ħin. Żiedet li fl-istess ħin ser tkun qed tara li s-sittax-il elf ħaddiem tagħha li ser jiġu milquta minn din id-deċiżjoni jiġu kkompensati għal dan.
L-MDA qalet ukoll li fil-jiem li għaddew irċeviet diversi rapporti li xi wħud mill-ħaddiema bdew xogħlijiet f’siti ta’ kostruzzjoni qabel il-ħin provdut bil-liġi, b’każijiet partikolari anke qabel il-ħamsa ta’ filgħodu.
L-Assoċjazzjoni kkundannat dan l-aġir.