Il-proġett tas-Central Link miexi ġmielu, anki waqt li t-toroq jinsabu iżjed kwieti mit-traffiku u parti minnu saħansitra mistennija tkun lesta sa Settembru illi ġej.
Waqt żjara fuq ix-xogħolijiet fejn anki l-ħaddiema qed jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa waqt il-pandemija, il-Ministru Borg ra r-ritmu li qabad dan il-proġett li se jmexxi aħjar it-traffiku fiċ-ċentru u t-tramuntana ta’ Malta u li anki se jnaqqas l-emmissjonijiet tal-karozzi.
“Ix-xogħol infrastrutturali tal-pajjiż baqgħu għaddejin bħal Marsa Junction, il-mina ta’ Santa Luċija u oħrajn. Illum żorna ix-xogħolijiet tas-Central Link fejn qed nantiċipaw li l-proġett, għax qabad ritmu tajjeb ħafna, il-parti sostanzjali tiegħu, dik tan-nofs mil-Palazz ta’ San Anton sal-isptar ta’ Monte Carmeli tkun lesta sal-aħħar ta’ Settembru illi ġej.”
S’issa bdew jibnu l-pedamenti tal-korsiji ġodda bejn l-Imrieħel u Ħ’Attard. Dawn ix-xogħolijiet kienu jinkludu l-iskavar tal-materjal, it-tqegħid u tisħiħ tal-pedamenti ġodda għat-triq, u l-bini ta’ medda twila ta’ strutturi.
Il-ħaddiema issa se jibdew l-iskavar u tqegħid ta’ pajpijiet ġodda taħt l-art sabiex jissaħħu s-sistemi tad-drenaġġ u ta’ lqugħ għall-ilma tax-xita.
Mal-pjanijiet għax-xogħol ta’ dan il- proġett żdiedu ukoll infrastruturi ġodda għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota.