Festivals Malta qalet li s-sitwazzjoni Coronavirus evolviet aktar u qed nħabbtu wiċċna ma sfida globali. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat din it-tifqigħa bħala pandemija u bosta gvernijiet madwar id-dinja ħadu miżuri aktar stretti u ta’ impatt biex jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom. Fid-dawl tas-sitwazzjoni Festivals Malta qed tħabbar li l-Karnival tas-Sajf 2020 ġie kkanċellat hekk kif il-pajjiż qed jippersevera biex ikollu kontroll fuq l-imxija tal-Coronavirus.
Annabelle Stivala, direttur ta’ Festivals Malta qalet, “nittamaw li s-sitwazzjoni titjieb b’mod sinifikanti sa Awwissu. Iżda anke jekk jiġri hekk, ma nistgħux nirriskjaw il-benesseri tal-parteċipanti matul ix-xhur li ġejjin, li matulhom is-soltu jinbnew il-karrijiet tal-karnival tas-sajf.” Is-Sinjura Stivala spjegat li l-miżura ta’ social distancing ma tippermettix li l-parteċipanti jkunu viċin xulxin u għalhekk mhux possibbli li l-karrijiet ikunu lesti fil-ħin għall-Karnival tas-Sajf ta’ Awwissu.
“Matul dawn iż-żminijiet ta’ sfida, lkoll għandna nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex nibqgħu sikuri. Aħna nħarsu ‘l quddiem biex naraw ġranet aħjar, biex lkoll inkunu nistgħu mmorru lura għall-ħajja normali kemm jista’ jkun malajr.
Madankollu Festivals Malta qalet li se tkomplu taħdmu mill-qrib mal-parteċipanti tal-Karnival. Il-workshops li kellha ppjanati għal April, li se jiffukaw fuq kif wieħed javviċina s-satira u d-disinn tradizzjonali tal-kostumi tal-Karnival xorta se jseħħ u qed isiru arranġamenti biex dawn ikunu jistgħu jiġu aċċessati online.
“Nixtieq nirringrazzja lill-parteċipanti, l-Għaqda tal-Parteċipanti, il-Kumitat tal-Karnival u d-Direttur Artistiku għall-impenn tagħhom u filwaqt li napprezza li dawn huma żminijiet inċerti li joħolqu bosta diffikutajiet; jiena konvinta li se noħorġu minnhom iktar b’saħħitna. Ibqgħu d-dar biex tipproteġu lilkom infuskom u lil ta madwarkom,” żiedet is-Sinjura Stivala.