Hekk kif beda x-xahar fejn fih ikun hawn aktar għarfien fuq il-kundizzjoni tal-awtiżmu, il-Fondazzjoni Marigold se tingħaqad mal-kumplament tad-dinja, dan billi l-Imdina se tinxtegħel bid-dwal blu.
Din l-inizjattiva għandha messaġġ aktar simboliku għaliex permezz tagħha se jingħata mesaġġ ta’ solidarjetà ma’ familji li għandhom lil xi ħadd bl-awtiżmu u bħalissa qed jaffaċċjaw aktar diffikultajiet minħabba l-miżuri sabiex ma tkomplix tinxtered il-Coronavirus.
Dan għaliex huwa aktar diffiċli għal persuni bl-awtiżmu biex joqogħdu ġewwa fi spazji limtati. Dan iwassal għal aktar anzjetà u stress fuq il-membri tal-familja. Għaldaqstant il-Fondazzjoni Marigold li qed taħdem id f’id mal-Assoċjazzjoni għall-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu, appellat lill-pubbliku inġerali sabiex ikun aktar toleranti u ta’ sostenn f’dan iż- żmien diffiċli.
Il-laqgħa annwali li normalment isir fid-daħla tal-Imdina tħassret. Minkejja dan il-Fondazzjoni Marigold qalet li tinsab kommessa li tkompli taħdem sabiex jiżdied l-għarfien fuq il-kundizzjoni tal-awtiżmu.
Fi stqarrija l-Fondazzjoni Marigold ħabbret li b’mod partikolari, din is-sena qed tiddedika d-dawl il-blu għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u l-ħaddiem ta’ forzi ddixxiplinati, kif ukoll il-ħaddiema li qed jieħdu ħsieb it-tindif pubbliku li kollha qegħdin jagħmlu dak li jistgħu biex l-imxija tal-Coronavirus ma tkomplix tinxtered.
Dawk li jixtiequ jagħmlu donazzjoni sabiex tiżdied il-kuxjenza fuq il-kundizzjoni tal-awtiżmu jista’ jċempel fuq:
- +356 5170 2052 – għal donazzjoni ta’ €15
- +356 5180 2053 – għal donazzjoni ta’ €25
- Jibgħat SMS fuq: +356 5061 9238 – għal donazzjoni ta’ €11.65
- Jew permezz ta’ BOV mobile pay, +356 9991 2373 għal donazzjoni ta’ kwalunkwe ammont.
Għal għajnuna lokali wieħed jista’ jżur is-sit https://www.facebook.com/AutismParentsAssociation u għal aktar riżorsi wieħed jista’ jmur fuq is-sit www.autismspeaks.org/coronavirus
Photo – Light It Up Blue 2019