Kienet l-akbar festa li qatt rat Malta.
Hekk ried il-Perit Mintoff u hekk sar kif jispjega l-eks segretarju privat ta’ dak li kien il-Prim Ministru ta’ Malta li ġab il-kisba tal-ħelsien, 41 sena ilu.
Saviour Deguara li qatta’ sigħat twal mal-Perit Mintoff fuq l-organizazzjoni taċ-ċerimonja tal-Ħelsien spjegalna kif għal Mintoff dak il-jum kien jum wisq importanti li fih laħaq il-quċċata tiegħu.
Qalilna kif Mintoff ħadem ħafna biex pajjiżna jkun ħieles minn kull qawwa barranija.
Spjega li għal din il-kisba, il-Perit Mintoff ried li pajjiżna jagħraf kemm dan il-pass kien għaqli.
“Kif kien jaf kulħadd Mintoff iċ-ċerimonji kien jogħbodhom, imma dik tal-31 ta’ Marzu rieda li tkun l-ikbar festa li qatt rat Malta. Kien veru looking forward għaliha, minjaf kemm jiġifieri kien jibgħat għal min kien qed jagħmel il-preparamenti dak iż-żmien ħalli jkun jaf u jsegwi xi jkun qed jiġri.”
L-eks segretarju privat tal-Perit Mintoff li għandu ħafna anedotti x’jirrakkonta saħaq li Mintoff kien eċitat ħafna f’dak il-jum.
“Naf żgur li ħin minnhom ċempilli bit-telefon biex fost l-oħrajn ifakkarni biex ma ninsewx il-fjuri u t-torċa, dik niftakara ċara jiena u nista’ ngħid ukoll li kien ferħan se jtir jiġifieri dakinhar”
F’dik il-lejla tal-31 ta’ Marzu tal-1979, fuq l-għolja tal-Ħelsien fejn hemm il-monument, xogħol l-iskultur Anton Agius tniżżlet il-bandiera tar-Renju Unit u flokha telgħet tperper il-bajda u l-ħamra.
L-għada salpa l-bastiment HMS London taħt it-tmexxija tal-Ammirall Ingliż Sir Nigel Cecil.
Dakinhar il-Maltin fehmu li l-Ħelsien kien kisba storika li ra lill-pajjiżna jiżviluppa minn ekonomija dipendenti fuq in-nefqa militari tal-barrani għal waħda li s-sisien tagħha saru oqsma differenti.
Pajjiżna issa kien ħieles u niesu bdew jgħixu fil-progress u s-sliem.
“Għalhekk għamilnih aħna dan l-appuntament mad-destin. Għalhekk għalina s-sena tal-1979 u l-31 ta’ Marzu f’nofs il-lejl, tkun l-akbar festa li qatt rat Malta.”