Klijenti tal-GO abbinati ta’ GO Sports jinsabu rrabjati għal mod kif ma ġewx mgħarrfa dwar bidla fil-mod kif se jixxandar il-kampjonat Ingliż.
Ħafna abbonati li jħallsu prezzijiet mhux irħas biex isegwu t-timijiet tagħhom esprimew il-frustrazzjoni tagħhom permezz ta’ facebook għall-fatt li differenti minn snin oħra mhux se jixxandar il-logħob kollu b’mod dirett. Minflok se tkun il-kumpanija li tagħżel liema logħba xxandar meta fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar jkun hemm iktar minn waħda. “Kieku kont naf ma kontx inġedded il-kuntratt. Għax jien x’għandi bżonnu jekk ma narax it-tim tiegħi jilgħab b’mod dirett?” qalilna wieħed mill-qarrejja tagħna li lmenta wkoll billi bagħat fuq onenews@one.com.mt.
Fi tweġibiet li qed tibgħat il-kumpanija qed jingħad li din hija deċiżjoni li m’għandiex kontroll fuqha u li huwa l-Premier League Ingliż li ddeċieda b’dan il-mod. Jirriżulta li minn 380 logħba tal-kampjonat Ingliż GO se xxandar dirett madwar 200, kważi n-nofs. GO se tkun qed ixxandar ukoll il-logħoba tal-FA CUP.
Jirriżulta li din ma tolqotx il-kampjonat Taljan. Anke jekk kien hemm seta’ fehem ir-raġuni li tat il-kumpanija, persuni li tkellmu ma’ one.com.mt sostnew li l-kumpanija kellha tkun ċara mill-bidu dwar x’se jiġri speċjalment f’perjodu fejn ħafna jkunu qed jaraw iġeddux il-kuntratt jew jidħlux bħala abbonati ġodda. Xi klijenti għamlu wkoll ilment mal-uffiċċju għad-drittijiet tal-konsumatur.