HSBC Bank Malta nieda serje ta’ miżuri addizzjonali biex dejjem aktar jappoġġja lin-negozji milquta b’mod negattiv mit-tixrid tal-Covid-19. Dawn il-miżuri ġodda tfasslu speċifikament għal dawk il-klijenti li qegħdin jiffaċċjaw tfixkil fil-katina tal-provvista (supply chain), inkluż dewmien biex jirċievu merkanzija u pagamenti.
L-ewwel miżura hi estensjoni ta’ 90 jum fuq id-dati tal-maturità tas-Self tal-Kummerċ (Trade Loan maturity dates) li qed tkun proposta biex tassisti klijenti minħabba dewmien osservat fl-industrija biex jirċievu merkanzija u/jew bejgħ/ħlasijiet mingħand debituri. It-tieni miżura hi estensjoni ta’ 90 jum fuq il-perjodu ta’ finanzjament ta’ ħlasijiet ta’ Finanzi Riċevibbli (Receivables Finance dues) li se tevita li klijenti jerġgħu jħallsu l-fondi meta l-invoices jkunu qabżu d-data dovuta, u b’hekk issa jistgħu jnaqqsu aktar il-pressjoni fuq il-likwidità tagħhom.
Joyce Grech, Kap tal-Kummerċ Bankarju (Commercial Banking) tal-HSBC Bank Malta, qalet: “It-tim tal-Global Trade and Receivables Finance (GTRF) tal-HSBC Malta jinsab lest biex jappoġġja lill-klijenti matul dan il-perjodu, fosthom bil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet li jestendu l-kreditu lill-klijenti b’mod aktar strutturat.
Se nkomplu nagħmlu l-aqwa użu min-netwerk internazzjonali estensiv tagħna biex b’hekk ngħinu lill-klijenti tagħna u nibqgħu viċin tagħhom f’setturi li qed jesperjenzaw żieda fl-isfidi ta’ ħidma kapitali (working capital) bħalma huma s-settur mediku, tal-kura tas-saħħa, tal-konsumaturi, kif ukoll setturi li jipprovdu ċerti servizzi.
Hekk kif is-sitwazzjoni qed tkompli tevolvi, HSBC se jkompli jaddatta biex isostni lill-komunità kummerċjali f’dawn iż-żminijiet diffiċli.”