Omar Calleja ta’ 32 sena mill-Għargħur wieġeb ħati għal żewġ serqiet li wettaq matul il-jum tal-Ħadd. Huwa gie kkundannat 20 xahar ħabs u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament minħabba l-vizzju tad-droga.
L-ewwel serqa seħħet fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu ġewwa Blue Bar li jinsab fl-Imsida u seħħet serqa oħra aggravata fl-istess stabbiliment aktar tard matul il-jum fejn minn hawn seraq xi flus.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello wissiet lir-raġel li bl-ammissjoni tiegħu se jkun qed jinstab ħati tal-akkużi kollha u se jiġi meqjus bħala reċediv wara li fil-passat kien instab ħati għal reati ta’ serq oħra.
Il-prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley ppreżenta wkoll xi evidenza b’rabta mar-reat li wettaq ir-raġel. Fost l-evidenza ppreżenta l-flokk li kien liebes ir-raġel waqt li wettaq is-serqa u filmat tal-camera tas-sigurtà.
Fil-Qorti Ransley spjega li b’kollox huwa seraq €200 u talab lill-Qorti li l-imputat għandu problema mill-vizzju tad-droga u tenna li kkopera sew mal-Pulizija u li l-problema hija primarjament il-vizzju tad-droga Eroina.
L-imputat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Dr Leontine Calleja.