Ħaddiema bdew l-operazzjoni biex jirkupraw skuna li għerqet fil-Port il-Kbir nhar it-Tlieta.
L-iskuna Taljana Angela Arcella għerqet wara ħabta mal-vapur tal-merkanzija Maria, waqt li kienet marbuta f’Xatt il-Laboratorju. L-iskuna niżlet fuq ġenbha f’qiegħ il-baħar. Transport Malta minnufih tat struzzjonijiet biex l-iskuna tittella’ u sejħet laqgħa teknika ma dawk involuti fejn approvat l-ewwel fażi tal-operazzjoni.
Il-ħaddiema se jiddrittaw l-opra tal-baħar illum. Wara għaddasa se jaraw iktar fid-dettall il-ħsara li ġarrbet. L-għaddasa se jsewwu l-ħsara temporanjament qabel ibattlu l-ilma u jtellgħuha f’wiċċ l-ilma. Wara jiġbdu l-iskuna f’tarzna biex tissewwa.
Spettur tal-Port ta’ Transport Malta qiegħed fuq is-sit kull ħin. Qiegħed tiġi segwita l-operazzjoni u jiġi rkuprat xi materjal likwidu li jista’ joħroġ mid-dgħajsa.
Dawn it-tip t’operazzjonijiet jieħdu l-ħin tagħhom biex iħarsu l-integrita strutturali tal-opra u wkoll minħabba li l-operazzjoni qed issir fil-port. Il-ħaddiema jkollhom jaħdmu madwar ix-xogħol li jkun għaddej fil-port. L-iskuna mistennija tittella’ f’wiċċ l-ilma nhar il-Ħadd.