Ittri bejn l-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-ARMS li ppubblika s-sit lovinmalta juru l-kontra ta’ dak li qal Adrian Delia, li saħaq li l-Partit Nazzjonalista m’għandu jagħti ebda ammont f’kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Meta kien mistoqsi: “Il-Prim Ministru jiddispjaċini…”
“Tal-kont tad-dawl biex niftehmu għandu jagħti 4 miljuni fuq kontijiet tad-dawl.”
Delia qal: “Il-Partit Nazzjonalista m’għandu jagħti ebda ammont f’dawl u ilma u l-Prim Ministru jiddispjaċini ngħid illi gideb.”
Fuq l-istazzjon nazzjonali, Adrian Delia għajjar giddieb lil Prim Ministru iżda s-sit lovinmalta rrapporta li b’dak li ppubblika, kien Delia stess li nqabad f’gidba.
Dokumenti li kiseb is-sit imsemmi juru li l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kumpaniji tiegħu fosthom il-media.link, għandu jagħti ftit inqas minn €3 miljuni u nofs ta’ lil ARMS Ltd.
F’ittra legali li bagħtet ARMS fit-12 ta’ Novembru li għadda hemm miktub ċar li l-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista media.link għandha tliet kontijiet pendenti li jammontaw għal ftit aktar minn €229,000, €220,000 ftit aktar minn €3 miljun.
B’kollox dawn il-kontijiet pendenti għall-ħlasijiet tal-elettriku u l-ilma jammontaw għal iktar minn €3,493,000.
Fl-ittra legali indirizzata lil Clyde Puli hemm miktub li fi żmien ġimgħa għandu jsir ftehim bonarju dwar il-ħlasijiet.
Fit-tweġiba tiegħu, permezz tal-avukati tiegħu, il-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa li għandu jagħti ammont sostanzjali lil ARMS.
Fl-ittra mid-Dar Ċentrali saret talba biex l-ARMS tapprezza li l-ammont dovut huwa kbir u kull ftehim bonarju dwar il-ħlas irid ikun fattibbli sabiex il-Partit Nazzjonalista ma jerġax isib ruħu f’din is-sitwazzjonji.
L-ittra temmet tgħid li d-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista talbu laqgħa sabiex jiġi diskuss u maqbul ftehim għal ħlas.
Din mhiex l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista spiċċa fi stejjer dwar is-sitwazzjoni finanzjarja mwergħa li jinsab fiha.
Saħansitra, Robert Arrigo li għamel u-turn u issa se jibqa’ Viċi Kap kien għamel referenza għal kriżi finanzjarja li ilha fil-Partit tal-istamperija fl-ittra tar-riżenja li kien bagħat.
Miegħu kien ingħaqad Clyde Puli li wara li rriżenja minn Segretarju Ġenerali fl-isfond ta’ ġlied u inkwiet intern li ma jrid jieqaf qatt fil-partit ta’ Delia, huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn ta’ miljuni kbar.
Puli stqarr: “Kbir. Kbir. Li nista’ ngħidlek li d-dejn huwa kbir, huwa ta’ miljuni kbar u hemm interessi għax mhux dik l-agħar, interessi ta’ mijiet ta’ eluf fis-sena mela allura dak id-dejn jew aħjar dawk l-interessi huma mażżra ma’ saqajk.”
Meta kien mistoqsi:“Jiġifieri ma’ tiċħadx li l-PN għandu dejn ta’ 25 miljun?”
Puli wieġeb “Għandu dejn ta’ miljuni kbar.”