Il-prosekuturi Torok li qed jinvestigaw l-attentat ta’ kolp ta’ stat li falla f’Lulju ħarġu mandat t’arrest għal wieħed mill-aqwa plejers li t-Turkija qatt kellha.
Dan mhu ħadd ħlief Hakan Sukur, skont kif irrappurtat mill-midja tal-istat.
Saru tfittxijiet f’żewġt idjar fil-Punent tat-Turkija, hekk kif uffiċjali qalu li Sukur jinsab akkużat li kien membru ta’ organizzazzjoni terroristika.
Fil-passat, l-eksplejer internazzjonali kien ukoll membru parlamentari, filwaqt li huwa magħruf li jappoġġja lil Fethullah Gulen, li jinsab akkużat li kien il-moħħ wara l-kolp ta’ stat.
Mat-team nazzjonali Tork, Sukur lagħab 112-il logħba u skurja 51 gowl. Matul il-karriera tiegħu, l-iktar li lagħab kien ma’ Galatasary, fejn anke rebaħ it-Tazza Uefa u tmien darbiet il-lig Tork. Lagħab ukoll ma’ diversi timijiet oħra, fosthom Torino, Inter, Parma u Blackburn Rovers.