Permezz tal-introduzzjoni ta’ pjattaforma diġitali, wara ħidma koordinata mid-Dipartiment tal-Gvernijiet Lokali fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kif ukoll il-MITA, il-laqgħat tal-Gvernijiet lokali mil-lum ser ikunu jistgħu jsiru online. B’hekk, permezz ta’ din il-faċilità, il-Gvernijiet lokali ser ikunu jistgħu jwettqu l-laqgħat tagħhom b’aktar flessibbiltà u mingħajr il-ħtieġa li jsir kuntatt dirett bejn il-Kunsilliera.
Il-Ministru Josè Herrera tenna li l-Ministeru kif ukoll id-Dipartiment tal-Gvernijiet Lokali qed jaħdmu viċin il-KIunsilli Lokali pemezz ta’ diskussjonijiet kontinwi anka mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. L-introduzzjoni tal-pjattaforma diġitali hi waħda minn sensiela ta’ miżuri u ta’ azzjonijiet li qed jiddaħħlu sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiema, tal-Kunsilliera u tal-pubbliku inġenerali.
Il-Ministeru jirringrazzja lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, lis-Sindki, lill-Kunsilliera, lis-Segretarji Eżekuttivi u lill-assoċjazzjoni tagħhom kif ukoll lill-ħaddiema kollha għall-kollaborazzjoni u għall-ħidma kontinwa li qed iwettqu favur il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.