Tliet persuni nqatlu u oħrajn sfaw midruba wara li fit-Tajlandja komplew iseħħu diversi splużjonijiet.
L-isplużjonijiet seħħew f’żoni turistiċi ftit wara li żewġ bombi laqtu ‘resort’ viċin Bangkok u qatlu persuna oħra ma’ xtajta. Sa issa ħadd ma refa’ r-responsabbiltà ta’ dawn l-isplużjonijiet iżda s-suspetti huma partikolarment fuq ir-ribelli separatisti.
L-isplużjonijiet seħħew fi tmiem il-ġimgħa li qed jiġi ċelebrat għeluq snin ir-Reġina Sirik.
Il-Prim Ministru Tajlandiż qal li l-bombi huma attentat biex jinħoloq kaos u konfużjoni.
Dan hekk kif dawn l-attakki seħħew biss ftit jiem wara l-ewwel anniversarju mill-isplużjoni bomba li seħħet f’Bangkok u ħalliew għoxrin persuna mejta.
Barra minn hekk, il-ġimgħa li għaddiet, it-Tajlandiżi vvottaw f’referendum li approva l-liġi ġdida li mistennija ssaħħaħ l-influwenza militari fil-politika wara ħafna snin.