Instab fil-Marokk ir-raġel ta’ 40 sena li kien qed jiġi imfittex mill-pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Victor McKeon ta’ 62 sena.
Nhar it-Tlieta li għadda, McKeon instab mejjet imgeżwer f’boroż suwed fl-appartament tiegħu f’Santa Luċija.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li r-raġel suspettat bil-qtil ġie arrestat f’Casablanca fil-Marokk u mistenni jiġi estradit lejn pajjiżna.
Il-barrani arrestat fil-Marokk kien jgħix ma’ McKeon fl-appartament.
Huwa mifhum li r-raġel imfittex telaq lejn il-Marokk qabel mal-pulizija sabet l-katavru ta’ McKeon fil-kamra tal-banju.
Issa l-awtoritajiet bdew bil-proċess ta’ estradizzjoni sabiex ir-raġel jinġieb Malta u jibda jiġi nterrogat mill-pulizija.
Kienu l-ġirien f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija li rrappurtaw li bdiet ħierġa riħa tinten mill-appartament ta’ McKeon u li kienu ilhom ma jaraw l-vittma xi ġimgħa.
Bil-pulizija sabu lil McKeon maqtul fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.
Fil-fatt testijiet tad-DNA li saru fuq il-ġisem ma taw identifikazzjoni ċara mal-ewwel tal-persuna mejta.
Mill-awtopsja jirriżulta li Victor McKeon miet wara li qala’ daqqiet fuq rasu u fgat.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Keith Arnaud.