Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia uża wkoll il-messaġġ tal-Ħadd biex ikun negattiv fil-konfront ta’ ħidmet l-awtoritajiet b’rabta mal-imxija tal-Coronavirus.
F’messaġġ ta’ nofssiegħa, Delia ħadha qatta’ bla ħabel kontra dak li qed jagħmel il-Gvern, imbagħad saħaq li l-Gvern mhux qed jieħu d-deċiżjonijiet.
Delia stqarr: “Dan il-Gvern qed jittietuba. Mhux qed jieħu d-deċiżjonijiet.”
Din id-dikjarazzjoni surreali tal-Kap tal-Oppożizzjoni ġiet wara li din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar pakkett b’saħħtu ta’ kważi €2 biljun li se jgħin lin-negozji u l-ħaddiema.
Dan il-pakkett tħabbar ukoll wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jitlob għal-lockdown totali.
Dan anki jekk il-professjonisti saħqu li lockdown imsejjaħ qabel il-waqt jħalli riperkussjonijiet koroh fosthom li jġibu lil pajjiż għarkubtejh għal tul ta’ żmien li ħadd ma jaf sakemm jista’ jtawwal.
Intant filwaqt li Delia tkellem fuq id-deċiżjonijiet li skont hu mhux jittieħdu, ftit tal-jiem ilu tħabbru wkoll numru ta’ miżuri fil-qasam tas-saħħa fosthom żieda ta’ sodod f’Mater Dei u ftuħ ta’ dipartiment tal-emerġenza separat minn dak li jidħlu fih dawk suspettati bil-Coronavirus.
Stħarriġ li wettqet it-Times wera wkoll li l-biċċa l-kbira tal-Maltin jemmnu li pajjiżna huwa preparat tajjeb għat-tifqiegħa tal-Coronavirus.
Fil-fatt 61% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ qalu li pajjiżna huwa mħejji sew.