Kollox jindika li s-Sibt li ġej se jgħaddu l-akbar ammont ta’ passiġġieri mit-terminal tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta għal dan is-sajf. Maratona ta’ 148 tluq u nżul ta’ ajruplani ser twassal lil 22,500 passiġġier fid-destinazzjoni tal-btala tagħhom jew lura d-dar hekk kif il-vaganza tagħhom tiġi fi tmiemha.
It-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li huwa kunfidenti li jinsab ippreparat għal dan in-numru rekord, speċjalment wara l-kummenti pożittivi li rċieva mingħand Skytrax – il-kumpanija ewlenija tal-awditjar fl- industrija tat-trasport bl-ajru – dwar l-esperjenza tal-passiġġieri fit-terminal. Jekk ser tkun qed tivvjaġġja fil- jiem li ġejjin tista’ tgħin lill-ajruport iżomm l-effiċjenza fl-operat tiegħu billi tagħmel dan li ġej:
• Ara li tasal fil-ħin
L-ajruport jirrakkomanda li tasal it-terminal sagħtejn qabel it-titjira tiegħek. B’hekk ikollok biżżejjed ħin sabiex tipproċessa d-dokumenti tal-ivvjaġġjar u l-bagalji tiegħek, tgħaddi mill-iskrining tas-sigurtà u anki ddur il-ħwienet jew tiekol xi ħaġa qabel ittir. Persuni li jħobbu l-isport jistgħu jsegwu l- Olimpjadi ta’ Rio 2016 fir-ristoranti tal-ajruport.
• Aqbad taxi
L-ajruport joffri parkeġġ b’numru tajjeb ta’ spazji, iżda tista’ tibda l-btala tiegħek minn qabel billi tibbukkja taxi sal-ajruport. Taxi twaqqfek eżatt quddiem it-terminal u b’hekk tkun biss minuta ’l bogħod mid-desks taċ-check in
• Agħmel online check-in
Agħmel online check-in u printja l-pass tiegħek biex tevita li toqgħod tistenna fil-kju. L-ajruport joffri wkoll għadd ta’ kjosks fejn tista’ tagħmel check-in int stess. Ara tistax tagħmel użu minn din il-faċilità hawnhekk.
• Kun af il-piż massimu li tista’ ġġorr
Iċċekkja x’inhu l-piż massimu li tista’ ġġorr mal-linja tal-ajru li se ssiefer magħha u iżen il-bagalji d-dar biex tevita kumplikazzjonijiet żejda ladarba tasal l-ajruport
• Kun lest għall-iskrining tas-sigurtà
Ftakar li għandek tneħħi l-oġġetti bil-ponta u l-likwidi mill-bagalji li tkun se ġġorr f’idejk. Likwidi jistgħu jinġarru biss jekk ikunu f’kontenituri li jesgħu massimu ta’ 100 ml u jitqiegħu f’borża trasparenti. Battal il-bwiet u inża’ ċ-ċintorin qabel ma jsaqsuk tagħmel dan l-uffiċjali tas-sigurtà biex b’hekk tħaffef il-proċess tal-iskrining.
Intant, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jipprevedi li sal-aħħar ta’ Awwissu jkunu għaddew mill-ajruport ’il fuq minn 600,000 passiġġier. It-traffiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jiżdied b’mod notevoli, speċjalment fix-xhur tax-xitwa, u l-ajruport qed ibassar li sal-aħħar tal-2016 ser ikun laqa’ mal-ħames miljun passiġġier.