Kull manifestazzjoni pubblika tad-Duluri u dawk marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa tħassru, inkluż il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u dawk bi Kristu Irxoxt.
Il-President tal-kulleġġ tal-kappillani Dun Mario Mangion spjega kif dan kien digriet li jsegwi d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa kontra t-tixrid tal-coronavirus maħruġ mill-kongregazzjoni għall-kult divin u d-dixxiplina tas-sagrament.
“Il-Kurja ta’ Malta ħarġet ċirkulari lill-kappillani u lill-arċiprieti fejn infurmat li għalissa tħassru l-manifestazzjonijiet liturġiċi, dawk li jsiru barra jiġifieri, għal Ġimgha Mqaddsa. Huma d-Duluri, l-Ġimgħa l-Kbira, Ħadd il-Palm, u Kristu Rxoxt.”
L-Arċipriet tal-Kolleġġjata tal-Knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi tkellem kif fil-parroċċa li jmexxi hemm tradizzjoni twila marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira.
Saħaq kif is-sett ta’ tnax-il vara huwa għal qalb ħafna l-Qriema u dawk dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira iżda għal din is-sena l-istatwi mhux se joħorġu mill-bieb tal-Knisja l-barra.
Saħaq li b’għafsa ta’ qalb issa l-istatwi se jmorru lura fin-niċeċ rispettivi tagħhom.
“Mill-att prattiku huwa aħjar li jidħlu kollha lura ġewwa f’dis-sitwazzjoni ta’ bħalissa għax kapaci insibu ftit nies li kapaċi jgħinuna ndaħħlu kollox milli nistennew iżjed u s-sitwazzjoni tmur għall-agħar u ma nsibux voluntiera għax ma jkunx ghaqli li joħorgu voluntiera biex jgħinuna. Għalhekk issa bi ftit nies forsi huwa kapaċi li ndaħluhom kollha lura ġewwa u jkunu f’posthom almenu jintrefgħu kif suppost.”
Intant id-digriet li ħareġ isegwi direzzjonijiet li ħarġu mill-Vatikan dwar kif għandhom jiġu ċċelebrati l-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa, bil-Kurja Maltija mistennija toħroġ digriet ieħor b’linji gwida ta’ kif il-festi liturġiċi se jiġu ċċelebrati kif nistgħu waqt l-imxija tal-Covid-19.