L-investiment tal-Gvern f ’diversi proġetti biex titjieb l-infrastruttura tat-toroq prinċipali beda jħalli r-riżultati mixtieqa, hekk kif mhux biss naqas it-traffiku iżda naqsu wkoll l-inċidenti.
Dan joħroġ minn klassifikazzjoni tal-aktar toroq perikolużi f’pajjiżna li l-Awtorità Transport Malta hija obbligata tagħmel kull tliet snin. Din uriet kif Triq il-Kosta fil-limiti tan-Naxxar rat tnaqqis sostanzjali fl-inċidenti mindu tlesta l-proġett maġġuri ta’ twessiegħ, li sewa lill-Gvern €53 miljun, biex b’hekk din m’għadhiex l-aktar triq perikoluża fil-pajjiż kif kienet ġiet ikklassifikata sal-2011.
Issa jidher li l-istess jista’ jingħad għal toroq oħra li saru xogħlijiet notevoli fuqhom, fosthom Triq Reġjonali u Triq Aldo Moro. Din tal-ewwel rat żvilupp sostanjali fit-tul tagħha li issa jgħaddi mill-Imsida, għall-Gżira u jagħti għal San Ġiljan. Din tingħaqad ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli, u mindu bdiet tintuża l-flyover il-ġdida fl-inħawi tal-Kappara fl-2017, naqsu l-inċidenti f’dawn l-inħawi.
Skont statistika uffiċjali, bejn l-2010 u l-2018 il-medja ta’ inċidenti fi Triq il-Kosta niżlet minn ‘il fuq minn 26 inċident fis-sena għal 17 inċident fis-sena. Mill-2010 sal-2013 Triq il-Kosta rat 24, 26, 29 u 23 inċident rispettivament, iżda dawn iċ-ċifri naqsu sew bejn l-2014 u fl-2015 waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet. F ’dawn is-sentejn kienu rreġistrati 13 u 14-il aċċident rispettivament.
Triq Reġjonali wkoll kienet meqjusa fost l-aktar toroq b’inċidenza kbira ta’ aċċidenti tat-traffiku, tant li l-medja ta’ aċċidenti fiha kompliet tiżdied bejn l-2010 u l-2016. Dawn reġgħu naqsu bejn l-2016 u l-2018 fosthom bil-ftuħ tal-flyover li biha s-sewwieqa bdew jiskansaw il-waqfien mar-roundabout tal-Kappara.
Triq Aldo Moro, li tgħaqqad Triq Diċembru Tlettax mal-proġett tal-flyovers biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, rat il-klassifikazzjoni tagħha fil-lista tal-aktar toroq perikolużi tinżel mit-tieni post fl-2016 u l-2017 għall-25 post sentejn ilu. L-2018 kienet is-sena li rat it-tlestija tat-twessigħ tat-triq, partikolarment fil-parti tagħha qrib id-daħla għall-kumpless sportiv tal-Marsa. L-aċċidenti akkumulati fl-2018 kienu biss sebgħa, imqabblin mal-24 aċċident fl-2016 u 21 aċċident fl-2017.
Din l-informazzjoni ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg waqt li kien qed iwieġeb għal mistoqsija tad-Deputat Toni Bezzina fil-jiem li għaddew. Id-dettalji se jidhru wkoll fil-ħarġa tal-gazzetta Kullħadd tal-Ħadd li ġej.