Mal-500 tifel u tifla li għal raġunijiet differenti ma jieħdux ikel magħhom l-iskola u kienu jingħataw dan mill-iskola stess, se jibqgħu jieħdu l-ikla ta’ nofsinhar mid-Djar Parrokkjali tal-lokalità tagħhom fid-dawl li bħalissa l-iskejjel ingħalqu bħala prekawzjoni.
Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici f’messaġġ fuq il-midja soċjali.
Huwa spjega li dan se jkun possibbli grazzi għal ftehim mal-Arċisqof Charles Scicluna.
“Aħna qbilna li dan l-ikel jiġi depożitat fid-Djar Parrokkjali li għandna f’kull raħal f’Malta u Għawdex u l-kappillani u arċiprieti offrew li jqassmu l-ikel lit-tfal li ma jkollhomx dan in-nutriment li aħna nkunu qed naħsbu għalih.”
Ġenituri jew kustodji ta’ dawn it-tfal se jkollhom l-għażla li jew jieħdu l-ikla mid-dar parrokkjali stess, jew jitolbu biex l-ikla titwasslilhom f’darhom.
“Ikun hemm għażla ta’ min imur hu għall-ikla fid-Djar Parrokkjali jew min se jkollu l-ikel imqassam lilu mill-voluntiera assenjati. Nirrigrazzja lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi kollha li fi ftit mumenti wieġbuna biex din tkun tista’ tibda ssir mingħajr dewmien.”
Dan kollu se jassigura li anke jekk l-iskejjel għalqu, is-servizzi li joffru li jagħtu wens lil bosta tfal u familji xorta se jibqgħu jingħataw.
“L-iskejjel mhux sempliċiment post fejn it-tfal jitgħallmu imma post fejn jieħdu ħafna servizzi. Minħabba li l-iskejjel issa ingħalqu dawn ġew affettwati u qed nagħmlu li nistgħu biex noffru l-aħjar alternattiva fis-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha.”