B’investiment ta’ tmien miljun ewro komplew x-xogħlijiet fi Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex, wara li għal kważi sena u nofs kienet magħluqa għall-karozzi.
Ix-xogħlijiet jinkludu l-bini mill-ġdid tat-triq, sistemi ġodda ta’ sigurtà biex jonqos ir-riskju tal-inċidenti, il-bini mill-ġdid tal-ħitan tal-ilqugħ u ħitan tas-sejjieħ u faċilitajiet oħra sabiex is-servizzi neċessarji jgħaddu minn taħt it-triq.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fisser l-importanza ta’ dan il-proġett hekk kif din it-triq hija waħda ewlenija li minnha jgħaddu għexieren ta’ karozzi kuljum.
“Dawn l-aħħar xahar u nofs iffukajna r-riżorsi kollha tagħna sabiex solvejna l-problema ġeoloġika ta’ din it-triq, solvejna wkoll il-problema strutturali, għanda d-drawings kollha bil-lest u għal daqstant propju din il-ġimgħa beda x-xogħol u ser ikompli miexi skont it-time frame sabiex ix-xogħol ma jieqafx u jibqa’ għaddej b’mod spedit u naraw li din it-triq li ilha xhur magħluqa tkun kompluta bl-aħjar mod possibli”
Fl-istess ħin tlesta l-proġett ta’ Triq iż-Żewwieqa, li sar b’investiment ta’ madwar tliet mitt elf ewro. Din se sservi bħaa rotta alternattiva għal Triq in-Nadur.
Il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lill-ħaddiema kollha li minkejja s-sitwazzjoni li tinsab fiha Malta, baqgħu għaddejjin b’xogħolhom fit-toroq għas-sigurtà tal-poplu Għawdxi.