Victor Mckeon ta’ 62 sena huwa r-raġel li instab mejjet mgeżwer f’boroż suwed fl-appartament tiegħu f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija nhar it-Tlieta li għadda.
Il-pulizija qalet li wara li ittieħdu t-testijiet tad-DNA tal-qraba ta’ Mckeon u tqabblu mat-testijiet tad-DNA li ttieħdu mill-katavru, ġie ikkonfermat li l-vittma li nqatel brutalment huwa Victor Mckeon.
Il-pulizija għaddejja bi tfittxija għall-agressur jew l-aggressuri f’dan l-omiċidju.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu ma’ dan l-istazzjon li l-pulizija qed tfittex Libjan li huwa meqjus bħala suspettat f’dan l-omiċidju. Il-Libjan kien jgħix ma Mckeon fl-appartament tiegħu.
Mill-awtopsja rriżulta li Mckeon nqatel wara li miet fgat u qala’ daqqiet f’rasu.
Iżda l-pulizija qalet li dwar il-kawża tal-mewt għadhom qed isiru l-eżamijiet forensiċi mill-esperti mqabbdin mill-Qorti.
F’Awissu tal-2017 Mckeon kien ħelisha ħafif wara li kien ġie attakkat b’sikkina u sofra ġrieħi gravi wara argument fl-appartament fejn instab maqtul nhar it-Tlieta.
Kienu l-ġirien li rrappurtaw lill-pulizija wara li bdiet ħierġa riħa tinten mill-appartament, bil-ġirien rrappurtaw ukoll li kienu ilhom madwar ġimgħa ma jarawh.
It-Tlieta waranofsinhar il-pulizija daħlu fl-appartament u sabu l-katavru fi stat ta’ dekompożizzjoni fil-kamra tal-banju, f’xena mill-aktar makabra.
F’April ta’ sena qabel Mckeon kien tressaq il-Qorti wara li kien sawwat b’injama u qatel ferħ ta’ qattus għax kien deher mitluq. Huwa kien ġie arrestat wara li rema’ l-ferħ ta’ qattus ta’ ħames ġimgħat barra fit-triq.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-omiċidju qed jitmexxew mill-Ispettur Keith Arnaud, mgħejjun mill-Ispettur Hubert Cini.