Rinunzja li kien iffirma Gvern Nazzjonalista 11-il sena ilu sabiex il-kumpanija Skanska, li bniet l-Isptar Mater Dei, ma tkunx responsabbli għal difetti li setgħu jinqalgħu fil-bini ta’ Mater Dei wassal l-arbitraġġ internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda biex jeżonora l-kumpanija Żvediża minn kull responsabilità.
It-tribunal internazzjonali qal li l-Gvern Malti tilef id-dritt għall-kumpens wara li fi Frar tal-2009, il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi kien iffirma ftehim li fih ċeda d-dritt li jfittex lil Skanska f’każ li joħorġu xi difetti fil-proġett f’tal-Qroqq, li kien taħt ir-responsabilità tagħha.
Fl-elfejn u erbatax ġie skopert il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta l-Gvern kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Dak iż-żmien analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet iwriet li l-konkrit fil-binja tal-emerġenza ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ iż-żewġ sulari.
Riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ 150 miljun ewro mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jittranġa.
In-negozjati ta’ ftehim tar-rinunzja mal-konsorzju internazzjonali mmexxi minn Skanska ħa sehem attiv fihom il-Perit Paul Camilleri.
L-avukat fil-każ kien l-avukat George Hyzler.
Il-Perit Camilleri, li jiġi l-kuġin ta’ Gonzi, kien President tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi meta ġiet iffirmata r-rinunzja.
Minn tagħrif li kien ingħata fil-parlament, Paul Camilleri kien qed jitħallas 43 lira Maltin, ekwivalenti ta’ 100 ewro fis-siegħa biex jiftiehem ma’ Skanska, liema ftehim wassal biex il-Gvern tilef id-dritt biex ifittex lil kumpanija li bniet b’konkrit li 5 snin biss wara rriżulta li kien difettuż.
Rapport tal-Awditur Ġenerali kien innota wkoll li l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi ta rinunzja assoluta tad-drittijiet, liema dispożizzjoni esponiet lill-Gvern għal riskji kbar fosthom, mezz iktar diffiċli għal rikors legali kontra Skanska.